Kull ġrajja fl-istorja hi l-frott u r-riżultat ta’ deċiżjonijiet li jkunu ttieħdu u azzjonijiet li jkunu saru fil-passat qrib u anke mbiegħed. L-istess jgħodd għall-ġojjell li qiegħed tant għal qalb tagħna x-Xagħrin... it-tim tagħna tal-futbol... Xagħra United.
Wieħed jista’ jgħid li t-twaqqif tal-Moviment tal-Boy Scouts fix-Xagħra fl-1933 kien il-preludju ta’ attivita’ f’numru ta’ oqsma kulturali. Fost dawn wieħed isib il-twaqqif tal-Banda fl-1934.
Sentejn wara, fl-1936, ir-raħal tax-Xagħra ra t-twelid tal-ewwel tim tal-futbol.
Propjament il-kumitat fi ħdan il-Moviment tal-Boy Scouts li kien responsabbli mit-tim tal-futbol, twaqqaf fix-xhur ta’ Frar/Marzu tal-1936. It-tim kien iġib l-isem ta’ Xagħra Scouts Team bl-ewwel kowċ ikun Ġużeppi Sultana. Dan kien possibbli bl-inizjattiva ta’ Brother Hersey li anke ħeġġeġ movimenti oħra tal-Boy Scouts f’diversi rħula Għawdxin sabiex jimitaw l-inizjattiva tiegħu.
Il-lok tal-Moviment tal-Boy Scouts serva wkoll bħala l-ewwel każin tal-futbol. Il-pjazza tax-Xagħra serviet ukoll bħala l-ewwel grawnd sabiex isir it-taħriġ tal-logħba tal-futbol.
Bl-inawgurazzjoni tal-grownd il-ġdid tax-Xewkija, bl-isem tas-“Silver Jubilee Ground” nhar l-10 ta’ Mejju, 1936, il-futbol Għawdxi seta’ jiġi organizzat aħjar u jsiru l-kampjonati.
L-ewwel suċċess tat-tim tax-Xagħra, din id-darba bl-isem ta’ Xagħra Blue Stars, laħaq il-qofol tiegħu meta rebaħ il-“Captain Renton Cup” li biha saru r-rebbieħa t’Għawdex għall-istaġun 1939-1940.
It-tim tal-futbol baqa’ sħiħ fis-snin ta’ wara minkejja ż-żmien imwiegħer tal-gwerra l-kbira bejn is-snin 1939-1945. Ta’ min isemmi li f’dan iż-żmien ma kienx jintlagħab logħob kompetittiv bejn l-irħula.Wara li għadda s-sħab iswed tal-gwerra, it-timijiet tal-futbol f’Għawdex reġgħu bdew isiru attivi u ngħata bidu għall-kampjonati bl-ewwel kompetizzjoni tkun għal “Galea’s Cup”.
L-organizazzjoni tat-tim tal-futbol baqgħet għaddejja b’ħidma sfiqa b’risq dan l-isport popolari fix-Xagħra. Sadanittant it-tim reġa’ bidel ismu għal “Xagħra Young Stars” bil-każin tiegħu jimxi mal-passi tal-każin tal-banda “Victory” fil-pjazza.
Wara li t-tim kien ġie relegat għat-tieni diviżjoni reġgħu lura għall-ogħla diviżjoni. Dan ġara wara r-reb tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni u dik tal-K/O fl-istaġun 1961/62.
Partita oħra li biha x-Xagħra Young Stars għamlu unur lilhom infushom kif ukoll lil raħalhom kienet dik milgħuba mal-Floriana Football Club nhar il-Ħadd, 30 ta’ Diċembru, 1962. Bħala rebbieħa tal-kampjonat tat-tieni diviżjoni t'Għawdex u Floriana kampjonati ta' Malta, saret logħba ta' ħbiberija fejn it-tim Xagħri tilef bl-iskor ta' 1-0 wara wirja stupenda u oppożizzjoni qawwija kontra tim mill-aqwa.
L-istaġun 1963-1964, ra lix-Xagħra Young Stars jerġgħu lura għall-glorja meta saru l-kampjonati t’Għawdex għat-tieni darba fl-istorja tagħhom wara kwart ta’ seklu ta’ logħob kompetittiv f’Għawdex. Il-partita kienet kontra l-Victoria Hotspurs u fiha x-Xagħra rebħu bi skor ta’ 2-1. Fatt interessanti kien li l-logħba kienet replay wara li l-ewwel waħda kienet intrebħet minn Victoria Hotspurs iżda minħabba l-fatt li kien hemm linesman wieħed biss reġgħet intlagħbet wara protest.
Suċċess ieħor li għamel it-tim tax-Xagħra Young Stars lejn tmiem il-ħidma tiegħu kien bir-rebħ tal-“British-American Shield” fl-istaġun 1968-1969.
Lejn l-aħħar tas-snin 60, ir-raħal tax-Xagħra ra t-twaqqif ta’ tim ieħor tal-futbol bl-isem ta’ “Xagħra Blue Stars.” Il-lok tal-każin ta’ dan it-tim il-ġdid kien fejn għadu sal-lum, fi Triq l-Arċipriet Dun Ġużeppi Diacono. Minkejja l-isforzi tagħhom, iż-żewġ timijiet tax-Xagħra, ma tantx bdew juru riżultati pożittivi tant li fl-1971, iż-żewġ timijiet ingħaqdu flimkien. Xhieda ċara ta’ dan hu l-isem preżenti tat-tim tax-Xagħra, “Xagħra United F.C.” Il-każin tat-tim il-ġdid baqa’ dak ta’ Triq l-Arċipriet Dun Ġużeppi Diacono.
It-tim Xagħri taħt l-isem il-ġdid mal-ewwel beda bis-suċċessi tiegħu meta ġie promoss fl-ogħla diviżjoni. Fl-istess staġun rebaħ it-tazza Knock-Out tal-istess diviżjoni u l-Good Conduct Cup. Is-snin tal-1972/1973 ġabu magħhom is-suċċess tal-ESSO Cup, kompetizzjoni li ntrebħet darba biss mit-tim tax-Xagħra fl-aħħar sena li ntlagħbet.
Is-snin ta' bejn l-1973 u l-1986 ma tantx kienu żminijiet glorjużi għat-tim tal-blu u l-iswed bil-maġġoranza tal-istaġuni fit-tieni diviżjoni. Fl-istaġun tal-1986/1987, it-tim kiseb promozzjoni għall-ewwel diviżjoni b'tim żagħżugħ, Xagħri u mimli entużjażmu. Taħt it-tmexxija tal-mibki Horace Mercieca dan kellu jkun il-pedament ta' tim li ġab lura l-glorja fir-raħal. Din il-ħidma kompliet toħroġ il-frott tagħha fl-istaġun tal-1987/1988 meta it-tim ta’ Xagħra United għall-ewwel darba rebaħ il-Gemeharija Cup meta rebaħ kontra Sannat Lions bl-iskor ta' 1-0 nhar il-Ħadd, 8 ta' Mejju, 1988.
L-istaġun tal-1988/1989 hu staġun li ma jintesa qatt mill-poplu Xagħri u mill-isportivi tiegħu u jibqa’ imniżżel b’ittri tad-deheb fl-istorja tal-klabb. Fit-12 ta’ Ġunju, 1988, infetaħ mill-ġdid il-każin meta sarulu xogħlijiet ta’ rinnovament sabiex ikun lok aktar rilassanti għall-plejers u s-sapporters tiegħu.
Dan kien il-bidu ta' sena mimlija ħidma li ġabet is-suċċess f'ħames kompetizzjonijiet jiġifieri kull kompetizzjoni li daħal għaliha t-tim Xagħri. Magħqudin taħt Horace, tim li kien iffurmat minn plejers kollha Xagħrin, rebaħ il-kampjonat tal-ewwel diviżjoni flimkien mal-Independence Cup, Rothmans Cup, Gemeharija Cup u Super Cup. Victoria Hotspurs kienu l-ikbar rivali f'dan l-istaġun minħabba l-fatt li minn erbgħa f'ħames kompetizzjonijiet kienu l-finalisti għar-rebħ tat-titli. Kien biss fil-Gemeharija Cup meta Xagħra United għelbu avversarju differenti, din id-darba, lix-Xewkija Tigers fil-finali. Is-suċċess ta' dan l-istaġun kien imżejjen b'ċelebrazzjonijiet kbar wara ħamsa u għoxrin sena ta’ stennija għar-rebħ tal-kampjonat.
Wara staġun bla unuri, dak tal-1989/1990, l-istaġun tal-1990/1991 reġa' ġab is-suċċess lura fuq l-għolja ta' Casal Caccia, din id-darba bir-rebħ tal-Independence Cup u l-Gemeharija Cup. Dan kellu jkun il-bidu ta' sentejn oħra glorjużi ferm għal Xagħra United, sentejn konsekuttivi ta' meta t-tim ġie nkunurat bit-titlu tal-ewwel diviżjoni. Din id-darba taħt il-kappa tas-Sur Frankie Muscat, it-tim kollu żgħażagħ mix-Xagħra, rebaħ il-kampjonat tal-1991 u dak tal-1992 flimkien mal-Independence Cup fl-istess sena u l-kampjonat u dak tal-Gemeharija Cup fl-istaġun tal-1992 u 1993. Din kienet l-ewwel u l-unika darba fl-istorja tal-klabb li ġew mirbuħa żewġ kampjonati konsekuttivi. Il-poplu Xagħri kien fis-seba' sema u kien dara jiċċelebra ġmielu wara r-rebħ ta' tliet kampjonati f'ħames staġuni.
Il-ħidma tal-kumitat flimkien mal-kowċis u l-plejers laħqet il-qofol tagħha erba' staġuni wara meta t-tim reġa' għex staġun stupend fis-snin 1997/1998. Din id-darba taħt il-gwida ta' Eucharist Mercieca, bil-preżenza wkoll ta' żewġ plejers barranin u xi plejers barra mir-raħal li nġiebu biex jissaħħaħ it-tim, reġa' wasal ir-rebħ tal-kampjonat u l-GFA Cup. Wara logħba kumbattuta kontra Nadur Youngsters li spiċċat bl-iskor ta' 3-1 u li tibqa' mfakkra għall-preżenza numeruża tas-sapporters Xagħrin, il-poplu ċċelebra bil-kbir is-suċċess tas-sitt kampjonat u l-aħħar wieħed sal-ġurnata tal-lum.
L-istaġun ta' wara, dak tal-1998/1999, reġa' ġab is-suċċess tal-GFA Cup, iżda minn dakinhar ’l hawn kienu żminijiet diffiċli għat-tim tax-Xagħra United. Wara li kien ġie relegat għat-tieni diviżjoni, it-tim reġa' rebaħ il-kampjonat flimkien man-Knock Out fis-snin 2001/2002 taħt it-tmexija ta’ Horace Mercieca.
Sfortunatament, l-istaġun 2002/2003 ra lit-tim tax-Xagħra United jerġa’ jiġi relegat għat-tieni diviżjoni. Din id-darba, taħt it-tmexxija ta’ John Cassar, Xagħra United reġgħu rebħu t-titlu tat-tieni diviżjoni mill-ewwel (staġun 2003/2004) u hekk reġgħu ġew promossi għall-ewwel diviżjoni.
Wara erba' staġuni fl-ewwel diviżjoni fejn kien hemm ukoll tentattiv għar-rebħ tal-kampjonat, fl-2008 it-tim reġa' ġie relegat għat-tieni diviżjoni. Wara ħidma sħiħa bejn il-kumitat, kowċis u plejers, din is-sena Xagħra United reġgħet lura fejn jixraqilha. Wara r-rebħ tan-Knock Out Cup kontra Kerċem Ajax, b'logħba decider kontra Żebbuġ Rovers, it-tim Xagħri għalaq il-kapitlu tal-kampjonat meta rebaħ b’riżultat ta' 3-1 u spiċċa rebbieħ tat-titlu u promos għall-ewwel diviżjoni.
L-istorja ta’ dan it-tim hija mżewqa b’ħafna ġrajjiet ta’ nżul u tlajja, dieqa u glorja. Il-passat tat-tim ikompli jgħallem ħafna lezzjonijiet lill-plejers u lis-supporters preżenti. Huma erbgħa l-valuri li dejjem żammew il-ħeġġa qawwija fit-tim tax-Xagħra United: Dedikazzjoni, Sagrifiċċju, Għaqda u Perseveranza. Dawn il-valuri għadhom il-mixegħla li għadha tmexxi t-tim tax-Xagħra United, il-messaġġier tal-ħeġġa u l-forza tal-poplu Xagħri sa mit-twaqqif tal-futbol 75 sena ilu.
Il-Klabb tax-Xagħra United jgħid GRAZZI kbira lill-poplu Xagħri tal-fiduċja li wera’ fit-tim tiegħu billi mhux biss bagħat lil uliedu ħalli jkunu ta’ xhieda u jonoraw l-arma li kienu jġorru fuq il-flokk tul dawn is-snin, imma wkoll ta’ kull għajnuna finanzjarja u anke morali li ta lill-Klabb tagħna. Jalla l-imħabba li ħafna wrew u li qed juru lejn r-raħal tagħna permezz tal-ħidma tagħhom fil-Klabb, tibqa’ tħeġġeġ f’qalb kull Xagħri biex dan raħalna jkun minn ta’ quddiem anke f’dan il-qasam sportiv. Viva Xagħra United.
First Division Champions (6):
1963-1964; 1939-1940; 1988-1989; 1991- 1992; 1992-1993; 1997-1998
Second Division Champions (6):
1961-62; 1968-69; 1971-72; 1978-79; 2003-04; 2010-2011
G.F.A. Cup Champions (4):
1991-1992; 1997-1998; 1998-1999;
Super Cup Champions (1):
1988-89
Independence Cup Champions (3):
1988-89; 1990-91; 1991-92;
2nd Div K/O Champions (3):
1961-62; 1971-72; 2003-04; 2010-11
Gemaherija Cup Champions (4):
1987-88; 1988-89; 1990-91; 1992-93
Rothmans Cup Champions (1):
1988-89
Good Conduct Cup Champions (1):
1971-72
Esso Cup Champions (1):
1972-73
Eurosport offers the most complete end to end sports products in the Maltese Islands and is synonymous with powerful brands in each product category.
You are using an outdated browser.
Please upgrade your browser to improve your experience.